Il-Koran jew Qurgħan huwa l-ktieb l-imqaddes tal-Iżlam. Il-Misilmin iqisu l-Koran bħala Il-Kelma t'Alla. Dan il-ktieb huwa differenti minn testi reliġjużi oħra fis-sens li l-Misilmin jaħsbu li hu miktub direttament minn Alla, permezz tal-profeta Muħammed.

Inkiteb bl-Għarbi u ilu jinqara b'dan l-ilsien biss għal aktar minn 1,400 sena. Iżda, minħabba li ħafna Misilmin madwar id-dinja ma jifhmux l-Għarbi, il-Koran hu mfisser ukoll f'ilsna oħra, sabiex il-qarrejja jkunu jistgħu jifhmu aħjar xi jfissru l-kliem bl-Għarbi fil-Koran. Dawn il-kotba huma bħal dizzjunarji tal-Koran - ma jinqrawx bħala parti mill-reliġjon tal-Iżlam, minflok il-Koran Għarbi. Il-Misilmin jemmnu li dawn it-traduzzjonijiet mhumiex il-veru Koran; il-verżjoni Għarbija hi l-veru Koran.

Il-Misilmin jemmnu li l-Koran kien imħabbar għall-ewwel darba lil Muħammed mill-Arkanġlu Gabriel f'għar fil-muntanji ta' Hira fil-Mekka, u mbagħad matul it-23 sena ta' wara sa mewtu.

Il-Koran ma kienx miktub kollu f'daqqa f'għamla ta' ktieb meta Muħammed kien għadu ħaj, imma kien miżmum bil-kelma u kitbiet qsar biex iffakkru. Il-profeta ma kienx jaf jaqra u jikteb, iżda skont l-Misilmin, il-ħabib tal-Profeta Abu Bakr, fost oħrajn, kien jikteb it-testi waqt li Muħammed kien għadu ħaj. Meta Abu Bakr sar kalif, irranġa li l-Koran inkiteb f'għamla ta' ktieb. Uthman li kien it-tielet kalif, kompla jirfina l-forma miktuba tiegħu.


