Kif bdiet il-Mużika

Żgur li kull wieħed u waħda minna, matul il-ġurnata jisma’ biċċa mużika. Il-mużika hija ħaġa li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajrha. F’kull ġurnata, minn fuq il-mezzi tax-xandir tisma’ l-mużika ta’ għamla differenti, dik klassika, dik romantika, dik moderna u ta’ tipi oħra. Madwar id-dinja kollha, eluf ta’ nies jattendu għal kunċerti minn gruppi, orkestri, u baned; jattendu ukoll għal spettakli kbar mużikali, bħal opri, operetti u balletti, imtellgħa minn nies professjonali. Kull ġens u kull razza ħalqu l-mużika tagħhom, il-mużika folkloristika.

Kull ġens u razza għandha l-melodiji marbuta magħha. Il-mużika hi rifless sħiħ ta’ l-emozzjoni tal-bniedem, hi mezz ta’ komunikazzjoni ta’ ħsibijiet u idejat. Biss, dan il-fenomenu li sar hekk integrali fil-ħajja tagħna l-bnedmin, minn fejn kellu l-bidu?

L-ewwel mużika li ġiet ispirata f’moħħ il-bniedem, żgur li waslet permezz ta’ l-elementi tan-natura: ir-riħ, ir-ragħad, it-tfaqqiegħa tas-sajjetta, it-tħaxwix tal-weraq u l-għana tal-għasafar. Dawn il-ħsejjes saħħru lill-bniedem u l-bniedem ried li jaħkimhom. B’hekk insibu li l-ibgħad missirijietna bdew jirriproduċu l-ħsejjes li kienu jixbħu dak li jisimgħu fuq l-għoljiet u fil-widien, meta d-dinja kienet għadha kif ħalaqha Alla. Naraw li bl-infieħ tagħhom fi zkuk vojta, f’bebbux u fi qrun ta’ annimali, infetħet it-triq għall-istrumenti tan-nifs. Naraw li mill-qaws, missirijietna fetħu t-triq għall-istrumenti tal-korda u li mill-ġlud ta’ l-animali, mill-ġebel u mill-metall ħalqu l-istrumenti tal-perkussjoni.

Minn zokk vojt

Bħal f’kull ħaġa oħra, meta l-bniedem ikollu ħaġa f’idu, malajr jibda jesploraha, sakemm minn dik ix-xi ħaġa jirnexxielu joħloq ħaġa ġdida. B’hekk il-bniedem ntebah li zokk vojt, meta kien jonfoh fih, seta’ jbiddel il-ħoss tiegħu. Meta z-zokk jkollu toqob fil-ġnub tiegħu u meta dawn it-toqob jiġu mgħottija jipproduċu ħsejjes differenti; u b’hekk insibu l-ewwel għamliet ta’ flawti.

Sa żmien l-imperi taċ-Ċina u l-Eġittu kienu jeżistu ħafna għamliet ta’ dawn l-istrumenti u b’hekk il-bniedem beda jipproduċi mużika u jgħaqqadha ma’ l-attivitajiet tiegħu bħall-gwerra, l-adorazzjoni u l-imħabba. Eżempju ċar ta’ dan narawh fit-Testment il-Qadim fil-Bibbja, fejn niltaqgħu mal-mużika fil-maġija, fl-adorazzjoni u f’affarijiet oħra. Biss, mill-Bibbja nintebħu li mal-mużika ngħaqdu żewġ affarijiet oħra: iż-żfin u l-kant; bħall-mużika huma espressjoni tas-sentimenti umani. Fil-fatt is-Salmi ta’ David għadhom sallum użati fis-servizzi reliġjużi tal-Lhud u tal-Kattoliċi.

Għalkemm il-Griegi ħallewlna l-wirt il-kbir, tista’ tgħid li fl-oqsma kollha ta’ l-arti, ftit baqgħalna minn tifkiriet tal-mużika tagħhom; biss il-mużika kienet parti integrali mill-ħajja tagħhom. Fil-fatt nafu li fl-Olimpijadi fil-Greċja l-antika kienu jsiru konkorsi ta’ daqq u ta’ kant. Barra minn hekk, f’bosta drammi Griegi niltaqgħu mal-kor li kellu jkanta siltiet mid-dramm. Fi żmien l-Imperu Ruman, il-mużika bdiet tiġi użata wkoll għad-divertiment u b’hekk naraw li bosta kantanti u daqqaqa kienu jagħtu wirjiet fl-arena u f’vilel privati.

L-ewwel mużika miktuba

B’hekk insibu li fi żmien il-Papa Girgor il-Kbir twaqqaf il-kant Gregorjan u bdiet tinkiteb l-ewwel mużika. Is-sistema wżata kienet li marki żgħar imsejjħa neumes ġew imqegħdin fuq il-kliem biex ifissru l-melodiji. Aktar il-quddiem fil-kitba tal-mużika ngħata aktar spazju sabiex jiġu murija ħsejjes baxxi u ħsejjes għoljin. Għal bosta snin, il-mużika nkitbet fuq erba’ linji, b’sinjali ta’ tipa sewda li kellhom l-għamla ta’ kwadri. Żvilupp importanti fil-kitba tal-mużika kien meta l-mużika inkitbet fuq għaxar linji.
